Naħdmu għal futur aktar Ekoloġiku - Main contents
X'hemm komuni bejn perit, plamer, bankier, inġinier tal-ilma u kultivatur tal-inbid organiku? Wieħed forsi jaħseb li m'hemmx ħafna affarijiet komuni. Iżda fil-fatt hemm xi ħaġa li b'xi mod jew ieħor tgħaqqadhom flimkien: kollha kemm huma qed jimplimentaw l-ekonomija ċirkolari.
L-Unjoni Ewropea stabilixxiet miri importanti f'dak li għandu x'jaqsam mat-Tibdil fil-Klima, kif ukoll għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari. Issa huwa l-waqt li niżguraw li għandha l-ħiliet meħtieġa biex meme biex nilħqu dawn il-miri.
L-aħjar mod biex naslu huwa li wieħed iħares lejn dawn il-miri bħala opportunitajiet. Se jkun qed isir propju dan bejn id-29 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju, matul il-Ġimgħa Ekoloġika tal-UE li hija l-akbar avveniment annwali li jiffoka fuq il-politika` ambjentali fil-UE . Il-Ġimgħa Ekoloġika jew aħjar kif nafuha bl-Ingliż il-'Green Week' se tiffoka fuq il-bosta benefiċċji tal-impjiegi ekoloġiċi, il-'green jobs' - minn fejn tlaqna, x'inhu l-iskop, u x'nistgħu nagħmlu biex nappoġġjaw impjiegi li se jixprunaw l-ekonomija t'għada? Hekk kif bosta kumpaniji qed jaħdmu biex inaqsu l-effett ekoloġiku tagħhom, x'jista' jsir biex nevitaw li ma jkunx hemm nuqqas ta' ħiliet ekoloġiki? X'inhu l-irwol tal-politiċi, l-imsieħba soċjali u n-negozji?
Matul il-'Green Week' ser tingħata ħarsa lejn skoperti ambjentali li qed joħolqu eluf ta' impjiegi ekoloġiċi ġodda. Se naraw kif it-teknoloġija ekoloġika l-aktar moderna qed tiġi integrata fl-ekonomija. U kif impjiegi tradizzjonali manwali jistgħu jsiru parti minn tranżizzjoni ekoloġika.
Sa mill-2000, l-impjiegi fl-industriji ambjentali kibru b'20% biex fl-2014 telgħu għall-4.2 miljun impjieg, bi qliegħ ta' madwar 700 biljun ewro. Iżda dawn l-impjiegi m'humiex limitati biss għall-industriji ekoloġiċi. L-importanza dwar is-sostenibilita` laħqet is-setturi kollha. Il-biedja organika, l-agrikoltura sostenibbli, t-turiżmu ekoloġiku u bosta impjiegi f'setturi oħrajn jiddependu minn ambjent b'saħħtu.
L-aġġettivi sostenibbli, ekoloġiku u ġust qed isiru siġilli ta' kwalità indispensabbli għas-suċċess tal-kumpaniji. Ħafna industriji rrejalizzaw li meta jkunu sostenibli jiffrankaw il-flus minħabba li jnaqsu d-dipendenza fuq l-materja prima u l-importazzjoni. Ovvjament, l-isfidi huma enormi iżda dan huwa wieħed mill-aħjar mod ta' kif l-industrija tinżamm fl-Ewropa.
Jekk nħarsu lejn prodotti ġodda bħal smart phones u tablets nindunaw kif ta' kull sena, dawn jiġu prodotti litteralment bil-miljuni, u jkunu jinkludu batteriji ta' valur għoli. Aktar minn 200 sena ilu Umicore, fil-Belġju, bdiet bħala kumpanija li topera minjieri tal-materja prima. Din il-kumpanija għamlet pass kbir f'dak li għandu x'jaqsam mal-'value chain', bdiet tirriċikla l-iskart tal-metall minflokk tħaffer għall-materja prima. Minn 'circuit boards', Umicore tirkupra aktar minn 95% tal-kontenut tad-deheb u tittrasforma 99.99% minnu f'blokok ta' deheb pur. Hija qabża sostanzjali li minn minjiera tal-faħam titrasforma għal minjiera tad-deheb.
Madankollu, għadna 'l bogħod milli nisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal fis-settur tal-iskart u r-riċiklaġġ. Illum, anqas minn 25% tal-iskart magħmul mill-plastik jiġi rriċiklat u madwar 50% għadu jintrema fil-miżbla. Jekk fl-UE jiġu implimentati ir-regoli li għandna attwalment, mhux biss jiżdied ir-riċiklaġġ, iżda sal-2020 jinħolqu sa 400,000 impjieg ieħor. Dan huwa l-ekwivalenti tal-popolazzjoni kollha ta' Malta. Sabiex nisfruttaw dan il-potenzjal kollu, ħdimna mal-Istati Membri sabiex titjieb l-implimentazzjoni tar-regoli maqbula permezz tar-Reviżjoni ta' Implimentazzjoni Ambjentali jew kif nafuha aħjar bl-Ingliż, l-'Environment Implementation Review'.
Hemm ħafna aktar x'jista' jsir bħal per eżempju trasferiment tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq ir-riżorsi, u anke l-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Fir-rigward tad-dħul mit-taxxa ambjentali l-medja tal-UE hija ta' 6.35%. It-taxxi ambjentali mhux biss iħeġġu lin-nies biex ibiddlu l-atteġament tagħhom favur l-ambjent iżda tippermetti wkoll lill-gvernijiet biex inaqqsu t-taxxi minn fuq ix-xogħol.
Sabiex il-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-ekonomija ekoloġika jiġu milħuqa, irridu niżguraw li l-ħaddiema attwali u kif ukoll dawk futuri ikollhom l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa. Dan jirrikjedi bdil fil-kurrikuli, korsijiet ta' taħriġ, u titjieb fil-ħiliet tal-persuni li diġà jaħdmu f'dan is-settur. Il-finanzjament mill-UE huwa disponibbli biex jgħin lill-Istati Membri jagħmlu dan. B'mod partikolari permezz ta', Erasmus+, il-programm ta' edukazzjoni u taħriġ tal-UE, il-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-'Horizon 2020', u l-Fond Soċjali Ewropew, li jħeġġu inizjattivi biex itejbu il-ħiliet tal-ħaddiema.
Huwa fatt illi politika ambjentali mhux biss tissarraf f'ambjent aħjar, iżda tibbenefika lin-negozji u liċ-cittadini ukoll. Il-politiċi, l-imsieħba soċjali, in-negozji, u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ iridu ilkoll jagħtu sehemhom sabiex jiżguraw li l-Ewropa tkun lesta għar-realtajiet tal-impjiegi t'għada u li ċ-cittadini Ewropej ikollhom id-dritt għat-taħriġ meħtieġ għal xogħol f'dawn is-setturi ambjentali.
This article was originally published in 'L-Orizzont' on 20th May, 2017
Read more ...